Bħala parti mill-kampanja ‘100 jum bis-saħħa tiegħek’, il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar qattgħet jum ma’ nisa li jservu fil-Forzi Armati ta’ Malta sabiex tesperjenza mill-qrib ir-realtà tax-xogħol tagħhom u twassal messaġġ ċar: il-ħila, id-dixxiplina u l-kuraġġ ma għandhomx ġeneru.
L-inizjattiva saret fl-isfond ta’ informazzjoni ppreżentata reċentement fil-Parlament, li turi li n-nisa jirrappreżentaw 7.71% tal-persunal tal-Forzi Armati ta’ Malta. Huma rappreżentati fil-gradi kollha ħlief f’dak ta’ Logutenent Kurunell.
Fost in-nisa li ltaqgħet magħhom il-Ministru kien hemm il-Kaptan Iona Muscat, l-ewwel mara li kisbet liċenzja biex issuq il-ħelikopters tal-Forzi Armati ta’ Malta. Wara li gradwat fl-arkeoloġija u bdiet il-karriera militari tagħha, hija għaddiet minn proċess ta’ għażla u sentejn u nofs taħriġ fl-Italja, li kien jinkludi mill-inqas 180 siegħa ta’ titjir. Sussegwentement kisbet liċenzja ta’ pilota kummerċjali u kompliet taħriġ speċjalizzat fuq il-ħelikopter AW139.
Il-Ministru ltaqgħet ukoll mal-Istaff Surġent Lisa Micallef tal-Air Wing, l-ewwel persuna Maltija li ngħatat il-Master Technician Award minn FlightSafety International. Il-kisba waslet wara li temmet sitt korsijiet tekniċi speċjalizzati fuq l-ajruplan King Air B200. Lisa Micallef kienet ukoll l-ewwel teknika mara fis-sezzjoni tagħha li kisbet il-liċenzja EASA fil-manutenzjoni mekkanika tal-inġenji tal-ajru, l-ewwel teknika mara tal-Air Wing li kisbet il-liċenzja EASA fl-avjonika, u l-ewwel membru tal-Air Wing li kiseb iż-żewġ liċenzji.
“Il-ħidma u l-kisbiet ta’ dawn in-nisa juru li l-ebda karriera m’għandha tkun limitata mill-ġeneru. Huma mudelli konkreti għal tfajliet li forsi għadhom ma jarawx lilhom infushom f’karriera militari, fl-avjazzjoni jew f’qasam tekniku,” qalet il-Ministru Rosianne Cutajar.
Ċifri ppreżentati fil-Parlament juru wkoll li n-nisa jammontaw għal 23.37% tal-membri tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u huma rappreżentati fil-gradi kollha sal-livell ta’ Assistent Kummissarju. Fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, in-nisa jiffurmaw 4.5% tal-ħaddiema — l-inqas rata ta’ rappreżentanza fost it-tliet servizzi dixxiplinati. Il-Ministru saħqet li dawn iċ-ċifri, flimkien mar-rata ta’ 7.71% fil-Forzi Armati, juru l-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ il-ħidma sabiex aktar nisa jqisu s-servizzi dixxiplinati bħala għażla professjonali konkreta u jkollhom opportunitajiet indaqs biex jidħlu, javvanzaw u jilħqu pożizzjonijiet ta’ tmexxija.
Filwaqt li rrikonoxxiet il-kontribut tan-nisa li diġà jokkupaw karigi ta’ responsabbiltà fil-Korp tal-Pulizija u fil-Forzi Armati, hija fakkret li n-nisa għadhom sottorappreżentati u li jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-isterjotipi u l-ostakli li jillimitaw il-parteċipazzjoni u l-avvanz tagħhom.
Permezz tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Integrazzjoni tal-Ġeneru li ser tagħlaq fl-2027, il-Gvern qed jaħdem biex jisfida l-isterjotipi fl-edukazzjoni u fl-impjieg, jippromovi gwida għall-karriera aktar inklużiva u jżid il-parteċipazzjoni tan-nisa f’oqsma fejn għadhom sottorappreżentati.
“Dawn in-nisa ma għandhomx jitqiesu bħala eċċezzjonijiet li jikkonfermaw regola antika. Għandhom ikunu l-bidu ta’ realtà ġdida fejn aktar nisa jidħlu, javvanzaw u jmexxu f’kull qasam tas-servizz lil pajjiżna. Meta tifla tara mara ttajjar ħelikopter militari jew tilħaq l-ogħla livelli ta’ kompetenza teknika, tibda tara wkoll possibbiltà għaliha nnifisha,” temmet tgħid il-Ministru Cutajar.